App biex it-tfal u ż-żgħażagħ iħejju ruħhom għaż-żjara tal-Papa

Aid to the Church in Need nediet app bl-isem YOUCAT Daily App, li għandha tgħin lit-tfal u liż-żgħażagħ iħejju ruħhom għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, kif ukoll fiż-żmien tar-Randan.

Stephen Axisa, id-Direttur Nazzjonali ta’ ACN (Malta), qal “Il-YOUCAT Daily hi sors tajjeb ħafna u tassew utli biex tgħin bl-aħjar mod lil tfal u żgħażagħ jimmaturaw fil-fidi Kattolika. Fil-ġimgħat li ġejjin, se nkunu qed infakkru żewġ avvenimenti importanti: iż-żmien tar-Randan, li matulu l-Knisja tħeġġiġna nitolbu u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, fost azzjonijiet tajba oħra, u ż-żjara tal-Papa li se ssir fl-aħħar ta’ Mejju. Bi tħejjija għal din iż-żjara, l-Isqfijiet Maltin diġà appellaw biex ‘ngħixu f’rikonċiljazzjoni vera flimkien u nittrattaw lil xulxin b’dinjità u bi tjubija liema bħalha.’”

YOUCAT Daily tgħin biex tidentifika u tibni għarfien dwar kwistjonijiet ewlenin fid-dinja, bħall-vjolenza, il-biża’, il-mibegħda, l-inugwaljanza, it-tniġġis ambjentali, u t-terrur. L-app turi kif wieħed jista’ jtejjeb u jbiddel is-soċjetà għall-aħjar permezz tal-Evanġelju.

L-app tista’ titniżżel mingħajr ħlas mill-App Store tal-Apple jew minn Google Play. .