Apoloġija minn MPT dwar l-inċident ta’ dalgħodu

Il-Malta Public Transport talbet apoloġija għall-inċident li seħħ ilbieraħ fuq karozza tal-linja bejn il-Belt u San Ġiljan meta ħadem waħdu fire extinguisher.
Il-kumpanija qalet li mill-investigazzjonijiet inizjali jidher li s-safety ring u siġill ma kienux mal-extinguisher u għalhekk dan kien f’pożizzjoni li minnu joħroġ l-extinguishant.
Il-Malta Public Transport enfasizzat li hi tiċċekkja b’mod regolari l-fire extinguishers u apparat simili u se teżamina filmati meħudin mill-kameras fuq il-karozzi tal-linja biex tindentifika x’ikkawża l-inċident.
Ikkonfermat li mhux minnu li l-extinguisher sploda kif ġie rrappurtat f’sezzjoni tal-midja.
Wara l-inċident, il-kumpanija qalet li għamlet kuntatt mal-passiġġiera li kienet qrib il-fire extinguisher u li kienet l-iktar affettwata waqt li qalet li l-parti l-kbira tal-passiġġieri l-oħra telgħu fuq karozza tal-linja oħra u komplew bil-vjaġġ tagħhom.
Il-kumpanija stiednet lil dawk li kienu fuq il-karozza tal-linja fil-ħin tal-inċident biex, jekk iridu, jikkuntattjawha fuq 2122 2000.