Apoloġija mill-Isqfijiet Ġappuniżi dwar il-marda tal-lebbra

Morda bil-lebbra li kienu jinżammu segregati fil-Ġappun issa se jkunu kumpensati

“Aħna, l-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika fil-Ġappun nagħmlu apoloġija lil dawk li rnexxielhom ifiequ mill-marda tal-lebbra, lill-familji tagħhom u lil dawk li mietu b’din il-marda”, tgħid stqarrija mill-Isqfijiet Ġappuniċi kif rappurtata mill-aġenzija tal-aħbarijiet “ZENIT”.

Din l-apoloġija sarret ftit jiem wara li l-Prim Ministru Ġappuniż għamel apoloġija lil dawk milquta mil-lebbra jew kif inhi magħrufa fil-lingwaġġ mediku “Hansen’s Disease”.

Marda kurabbli

Illum, il-lebbra hi marda kurabbli. Iżda sa ftit snin ilu ħafna pazjenti li jbatu b’din il-marda kienu jkunu iżolati.  Fil-Ġappun, bejn l-1907 u l-1996 dawn il-morda kienu jinżammu segregati u l-familji tagħhom kienu jġorru stiġma għax fil-familja kellhom lil xi ħadd bil-lebbra.

Fl-istqarrija li ħarġu l-Isqfijiet Kattoliċi Ġappuniżi ammettew li “Ma opponejniex l-iżolament li wassal biex ħafna pazjenti tfarrku u ma ddefendejniex id-drittijie tal-pazjenti għal kumpens u anqas għarafna li n-nuqqas tagħna kien qed iżid it-tbatija tagħhom u ma ppoteġġejniex id-drittijiet ta’ dawk li kellhom bżonn il-protezzjoni”.

L-Isqfijiet spjegaw li fl-1996 meta kienet abolita l-liġi magħrufa bħala “Leprosy Prevention Act” il-Gvern b’sentenza tal-Qorti tad-Distrett ta’ Kumamoto, kien inżamm responsabbli għad-danni lil dawn il-pazjenti u fil-fatt fl-2001 dawn ingħataw kumpens. Meta fl-2005 ħareġ ir-rapport tal-Kunsill li Studja il-Hansens Deisease, li ġabar il-kunizzjonijiet u l-kawżi li għamlu din il-ħsara u l-miżuri meħtieġa biex dan ma jerġax jiġri, l-Isqfijiet ma kienu ħarġu ebda apoloġija lil dawk li fiequ mill-marda u l-familji tagħhom”.

“Illum irridu nesprimu d-dispjaċir li domna daqshekk biex nagħmlu din l-apoloġija”, qalu l-Isqfijiet.

Fl-Istqarrija taħhom l-Isqfijiet żiedu jgħidu li “fl-1943 kienet żviluppata mediċina bl-isem ta’ ‘Promin’ li biha l-lebbra setgħet titfejjaq. Fl-1956 id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma dwar il-Protezzjoni u r-Ri-integrazzjoni tal-Pazjenti” talbet biex jitneħħew il-liġijiet diskriminatorji bħalma kien il-Leprosy Prevention Act tal-Ġappun, iżda minkejja dan  il-Gvern Ġappuniż ma bidilx il-politika tiegħu qabel l-2001 u l-pazjent baqgħu jinżammu iżolat tul ħajjithom”.

Rimors kbir

“M’għandniex kliem biżżejjed biex nesprimu r-rimors profond tagħna għax żidna s-sofferenza ta’ dawk il-pazjenti u l-familji tagħhom. Issa li ħafna minn dawk il-pazjenti u membri tal-familji tagħhom qed jingħataw kura fl-isptarijiet u qed jitgħabbew bis-snin, jekk nibqgħu ntawwlu bla ma nagħmlu apoloġija, ma jkunx ħaqqna maħfra”, żiedu jgħidu l-Isqfijiet.

Huma kkonkludew l-apoloġija tagħhom billi qalu li bħala segwaċi ta’ Kristu, iwiegħdu li qatt ma jjirrepetu dan id-dnub, jilqgħu lil kulħadd u qatt ma jerġgħu jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet umani.

Il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe, nhar il-Ġimgħa li għadda għamel apoloġija lill-membri tal-familji tal-pazjenti morda bil-lebbra wara li l-Gvern iddeċieda li ma jappellax sentenza tal-Qorti li ordnatlu jħallas kumpens lil dawn in-nies. Il-Prim Ministru qal li dawn il-pazjenti sofrew “preġudizzju kbir u diskriminazzjoni mis-soċjetà”.