Aperol Spritz fil-Pjazza

Għal żewġ nofstanhari, Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema nbidlet f’ċelebrazzjoni oranġjo vibranti b’divertiment, ikel tajjeb, premjijiet u xorb rifreskanti bl-Aperol Spritz. Kull min kien għaddej minn Tas-Sliema, kif ukoll it-turisti li nzertaw fil-post, setgħu jingħaqdu u jiddevertu fl-ewwel ċelebrazzjoni tal-Aperol Spritz.
L-oranġjo, li jirrappreżenta l-lewn distintiv u l-ispirtu tal-aperittiv, kien jidher f’kollox. Biex joħolqu effett u fl-istess ħin jipprovdu d-dell mix-xemx, intramaw ringieli ta’ umbrelel oranġjo rashom ’l isfel, filwaqt li d-deck chairs irrigati, il-cushions u dawk li ospitaw din l-attività tal-Aperol Spritz kienu lkoll bl-oranġjo.
L-attività kienet imżewqa wkoll bil-mużika mill-kitarristi Mark Rapa u Antonio l-Ħamis, u minn Kiko u Emma Muscat il-Ġimgħa. Il-kafetterija Giorgio’s ipprovdiet l-ikel b’xejn u tqassmu wkoll San Carlo crisps. Kull min kien fil-pjazza seta’ ukoll jittanta xortih bir-Rota tal-Fortuna għal premjijiet sbieħ.
L-Aperol Spritz hu wieħed mill-iżjed cocktails popolari fl-Italja u qed isir ukoll l-aperittiv favorit ta’ ħafna Maltin. Huwa magħmul mit-taħlita tal-Aperol mal-Prosecco, bi ftit soda u larinġ. Xarba ideali għal kull okkażjoni: baxxa fl-alkoħol u b’togħma rifreskanti. Tajba għal qabel l-ikel, kemm jekk ikla ħafifa kif ukoll ikla ikbar, inkella f’laqgħa soċjali mal-kollegi u l-ħbieb wara x-xogħol.