Apap Bologna deskritt bħala persuna ġusta u onesta

Il-Maġistrat Joseph Apap Bologna, li tiegħu tħabbret il-mewt ilbieraħ filgħaxija, ġie deskritt mill-Gvern bħala “persuna ġusta, onesta u intiża ħafna fil-liġi li dejjem applika b’umanità u b’sens ta’ fiduċja fil-maħfra u fir-rijabilitazzjoni”.
Apap Bologna miet ilbieraħ f'daru fil-Mosta fl-età ta’ 66 sena.
Wara l-irtirar tiegħu s-sena li għaddiet, Apap Bologna nħatar bħala parti mill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, flimkien mal-Imħallef Emeritus Lawrence Quintano u mal-avukat Yana Micallef Stafrace b’mandat ta’ 5 snin.
Kien ukoll iċ-Chairperson tat-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar is-Saħħa Mentali.
Filwaqt li ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Apap Bologna, il-Gvern qal li l-Imħallef kellu karriera twila għall-eżerċizzju tal-professjoni legali u għas-servizz pubbliku. Iddeskrivih bħala Maġistrat li qatt ma imminimizza l-valuri tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni tal-vittma.
Anke l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-Maġistrat li “qeda dmiru b’sens ta’ lealtà lejn il-pajjiż”.