Ilmenti dwar vannijiet flok karozzi tal-linja lejn Mater Dei

Numru ta’ anzjani minn lokalitajiet differenti li jużaw it-trasport pubbliku sabiex imorru l-isptar Mater Dei qed ikollhom imorru bil-minibuses flok bil-karozzi tal-linja bħal qabel.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li r-rotot 106, 117, 118, 119 u 135 huma uħud fost dawk fejn li biex il-passiġġieri imorru l-isptar, spiċċaw jirkbu vannijiet flok karozzi tal-linja kif kienu jintużaw qabel.
Uħud minn dawn l-anzjani tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u sostnew li minħabba li l-vannijiet iġorru inqas passiġġiera mill-karozzi tal-linja qed ikollhom jistennew siegħat twal biex jinqdew.
Qalu li fejn il-karozzi tal-linja l-ġodda, li kienu jużaw l-Arriva, huma ‘low floor’ u għalhekk l-aħħar tarġa tkun mal-istess livell tal-bankina, mhux l-istess huma l-vannijiet.
Dan qed iwassal biex passiġġieri fuq is-siġġu tar-roti mhux dejjem jinqdew.
Dawn l-anzjani sostnew li xi drabi qed ikollhom jiftħu l-bieba tal-vann huma, li tkun tqila u iebsa għalihom.
Dwar din is-sitwazzjoni tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina fejn fil-Parlament għamel referenza għan-nuqqas ta’ aċċessibilità fl-użu tal-vannijiet.