Anzjani ’l fuq minn 85 sena se jibdew jirċievu l-ittra għall-vaċċin tal-Covid-19

anzjani
Ritratt: Miguela Xuereb

Anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena u li jgħixu fi djarhom, min-nhar it-Tnejn li ġej se jibdew jirċievu l-ittra ta’ appuntament biex jieħdu l-vaċċin tal-COVID-19.

Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa qal li l-anzjani se jkunu infurmati bid-dati, ħinijiet u l-post għall-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin.

L-ittra se tintbagħat fuq l-indirizz li l-anzjani għandhom imniżżel fuq il-karta tal-identità. Huma se jirċievu t-tilqima fl-inħawi tal-indirizz tagħhom.

Anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom jew li huma rreġistrati mal-Commcare mhumiex se jirċievu l-ittra ta’ stedina ma’ dan il-grupp. Dan għaliex se jkunu qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex ikunu l-Awtoritajiet tas-Saħħa li jmorru fid-djar ta’ dawn l-anzjani fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministeru għas-Saħħa appella li jekk dawn l-anzjani għandhom il-mezzi biex imorru fiċ-ċentri tas-saħħa għat-tilqima, huma mitluba jċemplu 145 sabiex tinħarġilhom stedina mill-iktar fis possibbli. Jekk l-anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena ma jirċevux l-ittra sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla, huma mitluba jċemplu wkoll fuq 145.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li huwa konxju li hemm il-possibilità li fil-listi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa għad hemm imniżżlapersuni li mietu u għalhekk huwa possibbli li dawn il-persuni xorta waħda jirċievu stedina. Huwa appella sabiex il-qraba ta’ dawn il-persuni jċemplu 145 u javżaw lill-awtoritajiet b’din l-informazzjoni.

Approvata l-vaċċin tal-Moderna fl-UE
Il-vaċċin tal-Moderna approvat fl-UE