Anzjani maqbuda f’darhom; residenti urtati f’Pembroke

Residenti f'Pembroke jinsabu urtati hekk kif proġett f’blokka tal-housing tal-Gvern qed idum aktar milli skedat.
Riżultat ta' dan diversi persuni, inkluż anzjani, jinsabu maqbuda f'darhom. Wieħed mill-qraba ta' resident ilmenta fuq il-midja soċjali bit-tama li l-awtoritajiet responsabbli jieħdu azzjoni mill-aktar fis.
Huwa qal kif il-proġett, li suppost kellu jdum ftit ġimgħat biss, xhur wara għadu mhux komplut u minħabba f'hekk lanqas il-pustier ma jista' jidħol iqassam il-posta filwaqt li f'temp bħal dan l-art tispiċċa kollha tajn.
Ir-residenti jinsabu urtati għax fit-temp li qed naffaċċjaw bħalissa lanqas jistgħu joħorġu mill-garaxx għax m'hemmx dawl. Il-persuna li resqet l-ilment saħqet li din is-sitwazzjoni mhix aċċettabli hekk kif anzjana spiċċat kellha inċident fejn waqgħet fit-tajn u f'każ ta' emerġenza m'hemmx aċċess adekwat jew passaġġi temporanji.
Minn naħa tiegħu s-Sindku ta' Pembroke Dean Hili rreaġixxa għal dan l-ilment u sostna li l-Kunsill qed jagħmel ħiltu biex jimbotta lill-awtoritajiet u l-kuntrattur responsabbli mill-proġett biex dan jitlesta mill-iktar fis possibli. Żied jgħid li kellu jinħareġ tender għal xogħol li ma kienx previst, filwaqt li l-Kunsill qed jinsisti biex isir passaġġ temporanju biex jitjieb l-aċċess.
Madanakollu jidher li sakemm l-awtoritajiet jieħdu azzjoni r-residenti se jibqgħu maqbuda f'darhom f'temp hekk.