​Anzjani jkollhom jibqgħu fl-istess sular għax il-lift ma jaħdimx

Jinsab għaddej xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-lift ewlieni fid-Dar tal-Anzjani fil-Furjana, li skont informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt ilu ma jiffunzjonax għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat.
Kelliem għas-Segretarjat tal-Anzjanità Attiva kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li żviluppat ħsara f’wieħed mil-lifts u ttieħdet azzjoni immedjata.
Żied jgħid li l-kumpanija tal-manutenzjoni qed tagħmel kull mezz tekniku biex tissewwa l-motherboard tal-lift u tiġi ttestjata fuq il-post. Dan bil-għan li jiġi assigurat li ma jinħolqux problemi tekniċi oħra.
Persuna li ta’ spiss tiffrekwenta din id-dar tal-anzjani qalet li dan kien l-uniku lift fid-dar li jesa’ ħafna persuni u li jgħaddi mis-sulari kollha. Qalet li l-lift wieqaf ifisser tbatija kbira għall-helpers u l-anzjani li qed ikollhom jibqgħu fl-istess sular mingħajr ma jinżlu isfel jew joħorġu. Żiedet tgħid li t-taraġ huwa wieqaf u xi anzjani qed jirriskjaw li jweġġgħu meta jippruvaw jinżluh.
Saħqet li jekk xi ħadd ikollu bżonn jittieħed l-isptar b’ambulanza, ikollu jitniżżel bi krejn.
Il-persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li ressqet l-ilment tagħha lill-Prim Ministru u lill-membri oħra tal-Kabinett, imma kollox baqa’ kif kien.
Spjegat li ma tgħaddix sena, li l-istess lift ma jagħmilx xahar jew xahrejn bil-ħsara. Appella li dan il-lift jinbidel il-lum qabel għada.
Dwar il-possibiltà ta’ lift ġdid, il-kelliem għas-Segretarjat Parlamentari qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità kif ukoll mal-kuntrattur responsabbli, dwar soluzzjonijiet fit-tul biex dan l-inkonvenjent ma jerġax jirrepeti ruħu.