Anzjani jibżgħu meta jħabbat il-bieb

Diversi anzjani tkellmu ma' Newsbook.com.mt dwar il-biża' meta’ jħabbat il-bieb ta’ barra u ma jkunu qed jistennew lil ħadd.  Qalu li jinsabu mwerwrin li jħabbtilhom xi ħadd u juża l-identità ta’ impjegat tal-Enemalta jew ta’ xi korporazzjoni oħra, bil-għan li jidħol jisraqhom.

Anzjana partikolari appellat lill-anzjani bħala, biex qabel ma jiftħu l-bieb, imorru jittawlu minn gallerija jew tieqa, imbagħad wara jiddeċiedu jekk jiftħux jew le.

Madanakollu, minkejja din il-biża’ fost l-anzjani, il-pulizija ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li ma rċevitx rapporti dwar każi bħal dawn.

Min-naħa tiegħu, Kelliem għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal li jifhem il-biża’ fost l-anzjani, madanakollu wieħed irid juża s-sens komun u ma jiftaħx jekk ma tintweriex xi forma ċara ta’ identifikazzjoni. Qal ukoll li f’dawk il-każijiet rari fejn tekniċi tal-korporazzjoni jkollhom bżonn aċċess, dan isir f’ħin diċenti u mhux meta jkun se jidlam.

Żied jgħid li 99% tar-rapporti li rċevew kienu saru bi żball mir-residenti fejn kien jirriżulta li jkun xi ħadd tal-festa biex jiġbor il-flus jew xi bejjiegħ li jdur bieb bieb. Il-kelliem żied jgħid li f’każ ta’ dubju wieħed aħjar ma jiftaħx.

Qal li mhix il-prassi tal-Korporazzjoni li javżaw li jkun sejjer rappreżentant tagħhom, u li kieku jagħmlu dan, jinħoloq aktar lok għall-abbuż għax min ikollu intenzjoni ħażina, ikun jaf fejn sejrin. 

Barra minn hekk, fir-risposta tagħha, kelliema għall-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma qalet li l-uniċi impjegati tal-Arms Ltd li jmorru fid-djar huma l-meter readers, li jkollhom tag li tidentifikahom.

Żiedet tgħid li f’ċirkostanzi normali, ma jsirx appuntament biex f’każ ta’ serq ta’ dawl u ilma, dawn il-każi jiġu identifikati. 

Tħassib ieħor fost il-pubbliku huwa dwar allegatament ġbir ta’ fondi għall-karità minn organizzazzjonijiet lokali, li f’ċertu każijiet kien irriżulta li ma kinux ġenwini.    

F’każ li wieħed ikollu suspetti simili għandu jagħmel rapport lill-pulizija.