Anzjana ta’ 91 sena t-32 vittma tal-coronavirus f’Malta

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li anzjana ta’ 91 sena mietet bil-Covid-19.

Fl-10 ta’ Settembru, l-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19. Hija ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fit-22 ta’ Settembru, u mietet ilbieraħ. 

Il-Ministeru għas-Saħħa esprima l-kondoljanzi lill-qraba tal-anzjana, u appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskra.

Din il-mara hija t-32 persuna li mietet bil-Covid-19, minn meta bdew jiġu reġistrati l-każi f’pajjiżna f’Marzu.

Ilbieraħ kienu reġistrati total ta’ 21 każ ġdid, waqt li 54 pazjent fiequ.

Il-Ħadd intlaħqu l-miljun mewta bil-coronavirus fid-dinja, biex it-total ta’ mwiet huwa ta’ 1,000,502. 

Minkejja dan in-numru allarmanti, l-għadd ta’ persuni li fiequ huwa ferm akbar, b’total ta’ 24,519,342 persuna. Fid-dinja b’kollox kien hawn 33,192,997 każ tal-coronavirus.

Miljun persuna jmutu bil-coronavirus madwar id-dinja
L-imwiet bil-coronavirus fid-dinja jaqbżu l-miljun

Minn dawn, 99% qed jitqiesu bħala każijiet ħfief, li fihom dak li jkun ma jkollux sintomi qawwijin u jkun jista’ jfiq faċilment mill-virus. 1% kienu f’kundizzjoni serja jew kritika li wasslet għall-mewt tagħhom. Normalment, meta jiġri dan, il-pazjenti inkwistjoni jkunu vulnerabbli billi jkunu anzjani jew ikollhom problemi oħrajn ta’ saħħa.