Anzjana ta’ 83 sena ttajret minn skorta tal-Familja Rjali; tispiċċa l-isptar

Armla ta’ 83 sena spiċċat l-isptar nhar it-Tlieta wara li ntlaqtet minn mutur tal-pulizija li kien qed jeskorta lill-Prinċep William u lil martu Kate. Xi xhieda qalu li l-mutur kien fuq in-naħa ħażina tat-traffiku hekk kif beda jipprova jwarrab it-traffiku biex jgħaddu l-membri tal-Familja Rjali.

Kien f’dan il-mument meta l-mutur laqat lil Irene Mayor li kienet għaddejja għall-affari tagħha f’Sheen, fil-Punent ta’ Londra.

Jidher li s’issa William u Kate bagħtu bukkett fjuri lill-armla anzjana u wieħed jittama li jżuruha l-isptar biex jiskużaw ruħhom. Irene Mayor spiċċat fl-ajru mal-impatt u niżlet mal-art b’mod ikrah.

Hi ittieħdet l-isptar permezz ta’ helikopter u sa filgħaxija kien imħabbar li tinsab stabbli iżda weġġgħat serjament hekk kif qasmet il-pelvi u sofriet minn xi ġrieħi oħra.