Filmat: Anzjana f’San Vinċenz pożittiva għall-coronavirus

Persuna anzjana fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule instabet pożittiva għall-coronavirus.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-persuna nstabet pożittiva tard ilbieraħ filgħaxija. Sorsi infurmati qalu li qed issir ħidma sabiex isir contact tracing ta’ dawk kollha li ġew f’kuntatt mal-persuna anzjana, inkluż il-healthcare workers. Dan ġie kkonfermat aktar tard mis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci waqt il-konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi tal-coronavirus f’Malta. Il-każi fil-pajjiż issa telgħu għal 350 każ.

Il-każ huwa dak ta’ mara Maltija ta’ 88 sena li hija residenti f’San Vinċenz de Paule. Il-mara qed tinżamm iżolata. Hi għandha kundizzjonijiet mediċi oħrajn. Prof. Gauci qalet li qed isir contact tracing tal-impjegati li kellhom kuntatt magħha u residenti oħrajn fil-ward. Qalet li mill-ewwel raw li jitpoġġew fi kwarantina mhux biss il-pazjenta, iżda wkoll il-pazjenti l-oħrajn li kienu f’kuntatt magħha.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt mil-liema sala fir-residenza nstabet pożittiva din ir-residenta, Prof. Gauci, hi spjegat li l-pazjenti kienet ġejja minn Saint Francis Ward. Mistoqsija wkoll dwar minn fejn setgħet ħadet dan il-virus persuna li ma toħroġx mid-dar tal-anzjani, Prof. Gauci qalet li hemm żewġ modi kif residenti jistgħu jieħdu l-coronavirus. Spjegat li dan jista’ jsir minn viżitaturi u persuni li jidħlu fir-residenza u minn healthcare workers li s’issa għadhom qed joħorġu mir-residenzi tal-anzjani u jmorru lura fil-komunità.

Il-ġurnalisti komplew jistaqsu kif tista’ persuna tieħu l-virus minn viżitaturi meta bħalissa mhux permess li l-viżitaturi jidħlu fir-residenzi biex iżuru lill-anzjani tagħhom. Prof. Gauci qalet li bħalissa xorta għad hemm anzjani li qed jidħlu fir-residenza biex jieħdu posthom hemmhekk. Qalet li qabel ma jitpoġġew fis-swali, dawn il-persuni qed jinżammu fi kwarantina f’parti apposta. Irrimarkat li huwa diffiċli ħafna li wieħed jaqbad minn fejn seta’ ġie l-virus.

Prof. Gauci rrimarkat li meta persuna tinstab pożittiva jsir testing tal-persuni kollha li setgħet ġiet f’kuntatt magħhom mhux biss biex forsi jinstab min seta’ kien is-sors, iżda wkoll sabiex wieħed jara jekk il-virus ġiex trażmess lil persuni oħrajn.

Wieħed mill-każi l-ġodda tal-coronavirus imħabbar ilbieraħ kien dak ta’ carer f’dar tal-anzjani ta’ 51 sena. Mhux ikkonfermat jekk din il-persuna kinitx taħdem f’San Vinċenz de Paule.

Intant, Prof. Gauci ġiet mistoqsija wkoll jekk taħsibx li wasal iż-żmien biex il-carers u l-healthcare workers li jaħdmu fid-djar tal-anzjani jintalbu kollha sabiex jibqgħu f’lockdown mal-anzjani ħalli r-riskju jiġi eleminat bl-aktar mod effettiv. Qalet li bħalissa qed issir analiżi kontinwa kif ukoll diskussjoni dwar jekk dawk kollha li jiġu f’kuntatt mal-anzjani għandhomx ukoll jagħmlu lockdown magħhom f’dan iż-żmien.

Sa nhar l-Erbgħa li għadda, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon kien qal li fl-ebda waħda mid-djar tal-anzjani li jamministra hu, inkluż San Vinċenz de Paule, ma kien għadu tfaċċa każ tal-coronavirus.

Illum f’Malta ġew irrappurtati 13-il każ ġdid, biex b’hekk issa fil-pajjiż hawn total ta’ 350 każ tal-coronavirus.