Anzjana aggredita għal €8; “bżonn iktar pulizija” – binha

Ritratt: Arkivji

Mara ta’ 80 sena ġiet aggredita minn ħalliel 150 metru ‘l bogħod mill-post ta’ villeġġatura tagħha. Ir-raġel tefgħha ma’ l-art u ħadilha l-basket bil-portmoni bi €8 u t-telefown ċellulari.

F’post fuq il-midja soċjali, iben l-omm li huwa uffiċċjal fl-Universtà ta’ Malta qal li l-mara spiċċat bi tbenġil fuq idejha u spallejha. Filwaqt li, skond l-iben, fortunatament ma soffrietx ksur, l-anzjana għaddejja minn trawma b’konsegwenza ta’ din l-esperjenza.

Iben il-vittma qal dan filwaqt li appella biex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq Maltin sabiex jiġu evitati dawn it-tip ta reati u l-anzjani iħossuhom aktar sikuri. Huwa qal li huwa jittama li jekk il-ħalliel jittiehed il-Qorti, jintbgħat il-ħabs. Iben l-anzjana żied jgħid li forsi wasal iż-żmien li l-liġi kriminali tiħrax.

L-iben kompla billi qal li huwa jittama li l-persuna responsabbli minn dawn l-azzjonijiet jbagħti l-konsegwenzi. Żied jgħid li fiż-żona tal-madwar hemm diversi kameras ta’ sigurtà.

L-iben żied jirringrazzja lit-tfajla li ħadet lill-ommu u lill-ħabibtha l-għassa biex jagħmlu rapport.