Anzjan u trid twaħħal ganġetta? Il-Gvern b’servizz ġdid

Persuni li għandhom minn 60 sena ‘l fuq u dawk li għandhom il-blue badge se jingħataw is-servizz ta’ ħaddiem bla ħlas biex iwaħħlilhom ganġetti mal-bibien u anke peepholes mill-Gvern.

Dan tħabbar it-Tnejn mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, li b’kollox ħabbar 21 inzjattiva. Il-ganġetti jagħmlu parti minn proġett pilota biex l-anzjani jħossuhom iktar siguri fi djarhom.

Is-servizz huwa għal dawk li għandhom minn 60 sena ‘l fuq li għandhom il-karta r-roża jew li għandhom il-karta tal-identità speċjali minħabba xi diżabilità. Hemm madwar 20,000 persuna li jaqgħu fil-kategorija tal-aħħar.

Biex wieħed jagħmel użu ta’ servizz tal-handyman, wieħed irid iċempel fuq in-numri 21242725 jew 21242726 mis-7 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranosfinhar.