Anzjan ta’ 85 imut bil-Covid-19

Anzjan ta’ 85 sena miet bil-Covid-19 wara li ġie rikoverat fl-isptar St. Thomas nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru. Huwa kien ittestja pożittiv il-Ħadd 27 ta’ Settembru.

Din l-aħbar ġiet ikkomunikata mill-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Il-Gvern qal li l-anzjan kellu kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri. 

Ir-raġel huwa l-35 persuna li miet bil-Covid-19 f’Malta.

Il-Ministeru għas-Saħħa ta l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjan u appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza soċjali, u l-użu tal-maskra.

Malta bl-ogħla rata ta’ imwiet fl-Ewropa

Malta saret il-pajjiż bl-ogħla rata ta’ imwiet fl-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif ir-rata ta’ Malta hija 3.6 imwiet għal kull 100,000. Dan sar magħruf fl-aġġornament li qed jiġi ppubblikat kuljum miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC.

L-istess rapport indika li l-medja ta’ 14-il jum ta’ Malta issa hija l-ogħla waħda.