Il-Ħadd tħabbru żewġt imwiet bil-coronavirus

Read in English.

Il-Gvern ħabbar it-tieni mewta bil-coronavirus f’Malta hekk kif anzjan ieħor miet waqt li kien pożittiv għall-virus. B’hekk dawn kienu l-51 u t-52 vittma tal-coronavirus f’Malta.

L-ewwel mewta li tħabbret dalgħodu kienet ta’ anzjan ta’ 82 sena filwaqt li waranofsinhar tħabbret il-mewt ta’ anzjan ieħor ta’ 75 sena.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-ewwel anzjan iddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-30 ta’ Settembru u għalkemm sarulu diversi testijiet, kollha taw riżultat fin-negattiv. Minħabba li kellu sintomi marbuta mal-Covid-19, reġa’ sar test ieħor wara li l-anzjan miet, li rriżulta pożittiv.

Dwar it-tieni anzjan, il-Gvern qal li rriżulta pożittiv għall-Covid-19 fit-23 ta’ Ottubru u ddaħħal l-Isptar Mater Dei aktar kmieni llum, fejn miet ftit wara.

Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjan, appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza fiżika u l-użu tal-maskra kullimkien.