Anzjan ta’ 66 sena jwieġeb mhux ħati għal abbuż sesswali ta’ tfal

Anzjan ta’ 66 sena wieġeb li mhux ħati għall-akkużi li abbuża sesswalment lil neputi u neputija meta kellhom tmien snin.
Il-każ tressaq fil-Qorti wara rapport fl-aħħar ġranet, min-neputi dwar zijuh, fejn sostna li kien jabbuża minnu meta kien tifel.
In-neputi qal ukoll li l-memorja reġgħet tqanqlet meta ra lil zijuh jilgħab ma’ tfal waqt attività tal-familja, u li skopra li anke oħtu u zitu sofrew abbuż simili.
L-allegat abbuż seħħ bejn l-2002 u ftit ġimgħat ilu.
Il-Pulizija xehdet li ż-żewġ nisa kkonfermaw l-abbuż imma għażlu li ma jiftħux proċeduri kontra l-anzjan, li min-naħa tiegħu ammetta magħhom li kien ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni jiġu minnu.
Ammetta wkoll abbuż, ftit ġimgħat ilu, ta’ neputija ta’ 8 snin.
Ir-raġel qed jinżamm taħt arrest fis-sala tal-ħabs fl-isptar, minħabba mard kroniku. Il-Qorti ordnat divjet fuq l-ismijiet u dettalji tal-akkużat u tal-allegat vittmi.