Anzjan jitlef l-appell talli ħebb għall-gwardjani fil-ħabs meta żar lil ibnu

Anzjan li ħebb għal erba’ gwardjani tal-ħabs hu u jżur lil ibnu tilef l-appell u ġie kkonfermat ħati.

Ir-raġel ta’ 70 sena appella s-sentenza l-qorti wara li ngħata sentenza ta’ disa’ xhur priġunerija sospiża għal 18-il xahar u multa ta’ €4,100 wara li nstab ħati mill-Qorti li ħebb għal erba’ gwardjani u weġġa’ ħafif lil xi ħadd minnhom meta nqala’ dan l-argument fl-2018.

Kien f’Ottubru tal-2018 meta l-akkużat żar il-ħabs b’ikel għal ibnu li kien qed jiskonta sentenza. Kien hemm żball amministrattiv li wassal biex iben l-akkużat ma kellux ismu mniżżel fuq il-lista ta’ priġunieri li kellu jaslilhom l-ikel mid-dar dakinhar.

Il-missier baqa’ jinsisti li l-ikel jiġi aċċettat sakemm is-sitwazzjoni eskalat u r-raġel hedded lill-gwardjani tant li dawn kellhom jitolbu għal aktar assistenza.

Eventwalment, il-missier ittieħed immanettjat u rrabjat lejn l-għassa ta’ Raħal Ġdid fejn qatta’ l-lejl, sakemm tressaq il-qorti l-għada. Kien ġie akkużat li rreżista bi vjolenza u ħebb għal erba’ uffiċjali, li weġġa’ ħafif lil wieħed minnhom, li uża lingwaġġ baxx fil-pubbliku, li kiser il-paċi pubblika u li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija. Ġie akkużat li dan kollu wettqu meta diġà kien qed jiskonta sentenza sospiża.

Huwa appella s-sentenza u llum, il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li filwaqt li r-raġel hu ħati, huwa ħebb biss għal gwardjan wieħed u mhux erbgħa.

Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li l-piena tar-raġel m’għandhiex titnaqqas peress li kien ingħata sentenza minima, u l-kondotta tiegħu mhijiex nadifa lanqas.