Anzjan jitlef ħajtu wara li jitlef il-kontroll tal-karozza

Raġel ta’ 65 sena mill-Imġarr tilef ħajtu wara li l-vettura li kien qed isuq baqgħet dieħa f’karozza pparkjata, ħajt u arblu.
Mill-ewwel investigazzjoni jidher li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart, meta għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-vettura fi Triq San Filippu fl-Imġarr.
Fuq il-post mill-ewwel issejħet ambulanza u tim mediku mill-Isptar Mater Dei iżdar r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex tiġi stabbilita x’wassal għal mewt tar-raġel. 
Awtopsja mistennija titfa aktar dawl fuq il-fatt jekk ir-raġel tilifx ħajtu kawża tal-inċident.