Anzjan jinstab mixħut mal-art f’daru

Anzjan ta’ 78 sena ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura wara li nstab mixħut mal-art mill-Pulizija fir-residenza tiegħu.

Dan wara intervent minn surġent u kuntistabbli tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Ħal Qormi.

Il-każ seħħ it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tat-8.30 ta’ filgħaxija meta in-neputi tal-anzjan, li għandu 53 sena u joqgħod Ħal Qormi avża lill-Pulizija li kien ilu jumejn ma jara lil zijuh.

Meta l-Pulizija ittawlu mill-letterbox u raw lill-anzjan mal-art, bl-għajnuna tan-neputi, qabżu ħajt għoli sular u nofs għal ġo gnien fuq wara tar-residenza.

Is-surġent u l-kuntistabbli kellhom ikissru tieqa biex daħlu fid-dar, fejn fetħu l-bieb ta’ barra biex b’hekk setgħa jidħol tim mediku, li wasal fuq il-post.

L-anzjan ma sofra ebda ġrieħi u jinsab f’qagħda stabbli.

Mill-istħarriġ preliminari ma jirriżultax li kien hemm terzi persuni involuti.