Anzjan jinstab mitluf minn sensieh fir-residenza tiegħu

Anzjan ta’ 70 sena, li jgħix waħdu, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li dalgħodu għall-ħabta tal-9.40am instab mitluf minn sensieh fir-residenza tiegħu fi sqaq fi Triq il-Karmnu, Luqa.
Kienu l-qraba u ħabib tal-anzjan li ġibdu l-attenzjoni tal-Pulizija tad-Distrett.
Dan wara li ssuspettaw ħażin, hekk kif kienu ilhom ma jaraw lill-anzjan għal bosta ġranet.
Il-Pulizija marru minnufih lejn ir-residenza tal-anzjan fejn sabu l-bieb ta’ barra magħluq u ma rċevew ebda’ tweġiba għas-sejħiet li għamlu.
Kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi sgassat il-bieb, li kien qiegħed jinżamm b’lasta ta’ xkupa.
Fuq il-post issejħet għall-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li daħlu fir-residenza.
Aktar tard l-anzjan instab fis-sular ta’ fuq u ttieħed b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.