Anzjan jinqabad fin-nirien u t-telecare ma swiet għalxejn

Bint ir-raġel ta’ 87 sena, li l-Ħadd li għadda spiċċa maqbud waħdu fin-nirien f’daru fil-Pietà, qalet ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li missierha għandu s-servizz tat-telecare, xorta ma setax jitlob għall-għajnuna.
Fleur Marie Cilia Buckett saħqet li s-sistema tat-telecare għandha tkun protetta kontra n-nirien, u li tixtieq li l-inċident ta’ missierha jservi biex isir tibdil fis-sistema u anzjani bħalu jkunu aktar protetti. Appellat ukoll biex kulħadd jara li daru tkun sigura u jkollha t-tagħmir meħtieġ.
Spjegat kif il-Ħadd li għadda, ħsara fl-elettriku wasslet biex l-airconditioner ħa n-nar u ftit wara nstemgħet splużjoni.  Qalet li skont missierha, dak il-ħin in-nar beda jinfirex mal-kamra tas-sodda u pprova jagħfas il-buttuna tat-telecare, imma kien kollu għalxejn għax l-elettriku kien telaq diġà. Meta ċemplet lil tat-telecare biex tara kemm-il darba daqq missierha, qalulha li ma rċevew xejn min-naħa tiegħu. Hemmhekk irriżultala li mingħajr elettriku t-telecare ma taħdimx.  
Fleur qalet li missierha rrakkuntalha kif in-nirien kienu għolja tliet piedi u li jħares fejn iħares ma kien qed jara xejn ħlief nar.
Irringrazzjat lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u t-tim mediku li waslu mill-ewwel fuq il-post, iżda l-aħħar u mhux l-inqas il-ħabib tagħhom Paul li ddeskrivitu bħala ‘Superman’.
Qalet li kien miraklu li l-kamra tas-sodda spiċċat sewda faħma, minbarra s-sodda li kien fuqha missierha.
"In-nirien ħallew ħerba sħiħa…li baqa' huma ż-żewġ statwi tal-Madonna ta’ Fatima, ir-ritratt tat-tieġ ta’ ommi u missieri u xi ritratti tiegħi u ta’ oħti,” żiedet tgħid Fleur.
Sostniet li missierha qed jingħata l-kura l-Isptar Mater Dei u minbarra kura għax-xokk qed jingħata wkoll l-ossiġnu u sessjonijiet tal-fiżjoterapija.
Fuq kollox, Fleur sostniet kemm tinsab grata għall-għajnuna li qed tirċievi min-nies ma tafhomx, u li saħansitra marru jgħinuha tnaddaf il-post min-nugrufun.