Anzjan jiġbor il-flus bl-iskuża li huma għall-SPCA

Il-pulizija qed tfittex raġel li għandu bejn is-60 u t-80 sena, li qed jagħmilha ta’ rappreżentant tad-Dogs Trust.
Id-Dogs Trust Malta u l-SPCA t’Għawdex qed jappellaw lill-pubbliku biex joqgħod attent minħabba li dan ir-raġel, li għandu xi snien neqsin, qed jiġbor id-donazzjonijiet f’isem l-organizzazzjoni f’Għawdex.
Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ ukoll biex jgħin fl-identifikazzjoni tar-raġel, li jkun liebes badge tad-Dogs Trust u barmil isfar bil-logo tal-għaqda fuqu. Ir-raġel qed jgħid li d-Dogs Trust qed tiġbor il-flus biex tassisti proġett tal-SPCA f’Għawdex.
Ir-raġel intlemaħ ilbieraħ fir-Rabat Għawdex, iżda mhux eskluż li qed idur f’lokalitajiet oħra.
Kull informazzjoni għandha tingħata lill-pulizija fuq 2156 2040.