Anzjan isir is-60 vittma tal-Covid-19 f’Malta

Mater-Dei-Hospital
Miguela Xuereb

Il-Ministru tas-Saħħa ikkonferma li raġel ta’ 66 sena miet waqt li kien pożittiv għall-Covid-19. F’Malta s’issa kienu kkonfermati 60 vittma tal-Covid-19.

Fi stqarrija l-Ministeru tas-Saħħa qal li r-raġel kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fl-20 ta’ Ottubru u ddaħħal l-Isptar Mater Dei fis-26 ta’ Ottubru. Huwa baqa’ jingħata kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei fejn miet aktar kmieni llum.

Matul il-lejl li għadda tilfu ħajjithom żewġt irġiel oħra wieħed ta’ 66 u 82 sena.

Il-Ministeru għas-Saħħa wassal il-kondoljanzi lill-familjari tal-vittma u appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa

Illum ġew ikkonfermati 106 każi ġodda tal-Covid-19.

Aktar kmieni llum il-komunità tal-Ġiżwiti ħabbret li Fr Lino Cardona miet waqt li kien pożittiv għall-Covid-19. S’issa l-Awtoritajiet tas-Saħħa għadhom ma kkonfermawx dan.

Fr Lino ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-26 t’Ottubru. Huwa tttieħed l-isptar Mater Dei fit-Taqsima tal-Kura Intensiva minħabba li kellu bżonn il-ventilator. Cardona miet fl-età ta’ 76 sena.