Anzjan ieħor imut bil-coronavirus; reġa’ ddaħħal l-isptar dalgħodu

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li propju llum miet anzjan ieħor li kien pożittiv għall-coronavirus. Din hija t-13-il mewta reġistrata kawża tal-virus minn meta tfaċċa l-ewwel każ fil-pajjiż f’Marzu li għadda. Hu miet wara li lbieraħ kien rilaxxat mill-isptar.

Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li l-anzjan ta’ 89 sena miet waqt li kien pożittiv bil-coronavirus.

L-anzjan iddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-23 ta’ Awwissu għal kundizzjonijiet ta’ saħħa varji, fejn sarulu swabs għall-Covid-19 li rriżultaw fin-negattiv, madanakollu l-anzjan ingħata kura f’iżolament fl-Isptar Mater Dei minħabba li kien ġie f’kuntatt ma’ persuna pożittiva waqt li kien fil-komunità.

Hu ġie lliċenzjat mill-Isptar Mater Dei fil-31 ta’ Awwissu filgħodu, mingħajr l-ebda sintomi u ntbagħat id-dar. Il-qagħda tiegħu ddeterjorat b’mod rapidu u reġa’ ddaħħal fl-Emerġenza, fejn ġie konfermat pożittiv għall-Covid-19. Huwa miet fl-Isptar Mater Dei aktar kmieni llum.

Il-Ministeru għas-Saħħa, ta l-kondoljanzi lill-qraba tal-anzjan, filwaqt li appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa.