Anzjan ieħor imut bil-coronavirus; il-25 vittma fil-pajjiż

Miguela Xuereb

Anzjan ta’ 84 sena miet waqt li kien pożittiv bil-coronavirus. Dan kien ikkonfermat fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa maħruġa dalgħodu.

Il-Ministeru spjega li l-anzjan kien ikkonfermat pożittiv għall-Coronavirus fit-18 ta’ Settembru. Hu ddaħħal l-IDU fl-Isptar Mater Dei dakinhar stess. Hu kien baqa’ jingħata kura hemm sakemm miet ilbieraħ tard bil-lejl.

L-anzjan kellu kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri, skont il-Ministeru. Il-Ministeru ma qalx jekk ir-raġel kienx ukoll residenti f’waħda mid-djar tal-anzjani fejn hemm clusters ta’ każi ta’ coronavirus.

Il-Ministeru ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja u appella lill-poplu biex jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa. 

L-aħħar mewta b’rabta mal-virus seħħet propju lbieraħ fejn miet raġel ta’ 86 sena.