Aġġornata (2): Allegat abbuż f’San Vinċenz; carer sospiż

Carer f’San Vinċenz de Paule ġie sospiż mix-xogħol wara li allegatament weġġa’ lil raġel anzjan b’mod gravi.

Fi stqarrija, ir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule qalet li ġiet infurmata li l-anzjan ġie referut l-isptar Mater Dei b’rabta ma’ każ ta’ allegat abbuż minn carer.

“Immedjatament l-amministrazzjoni tar-residenza San Vinċenz de Paule bdiet bl-investigazzjonijiet u rreferiet dan il-każ għand il-pulizija. Fl-istess waqt il-ħaddiem ġie sospiż mill-post tax-xogħol sakemm tintemm din l-investigazzjoni, li issa tinsab f’idejn il-pulizija.”

Aktar kmieni dehru rapporti fil-midja lokali li l-anzjan kien involut fi ġlieda ma’ ħaddiem. Madanakollu, kelliema għall-Ministeru għas-Soliderjetà Soċjali kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li ma kienx hemm ġlieda imma li kien hemm biss “aċċident”. Żiedet tgħid li l-Ministeru qed jiġbor id-dettalji dwar il-każ u li kien se joħroġ stqarrija.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li r-rapport dwar il-każ daħal ilbieraħ għall-ħabta tas-6:30 pm. Ir-raġel għandu 78 sena. Il-Pulizija ma tat l-ebda dettalji dwar il-każ, però qalet li hemm investigazzjoni għaddejja.