Anzjan fil-periklu tal-mewt

Read in English.

Raġel ta’ 83 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara tilef fil-kontroll tal-vettura tiegħu u baqa’ dieħel f’parapett ta’ dar fis-Siġġiewi.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għal ħabta tal-11.20pm.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li r-raġel, hu residenti l-Imqabba, tilef il-kontrol tal-vettura li kien qed isuq u ħabat f’parapett ta’ residenza privata fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.