Filmat: Antonio Conte jħalli lil Juventus

Wara tliet snin bħala kowċ ta’ Juventus, Antonio Conte tefa' r-riżenja.
Din id-deċiżjoni uffiċjali minn naħa ta’ Conte waslet wara laqgħa li kellu mad-diriġenza tal-klabb bianconero.
Fil-laqgħa ma ntlaħaqx ftehim biex Conte jġedded il-kuntratt li kellu sal-2015, fuq nuqqas ta’ qbil dwar is-suq tal-plejers.
Fil-fatt Conte ma ħax pjaċir li l-klabb Juventin naqas milli jġib lil Sanchez u li se jneħħu lil Vidal, li x’aktarx se jingħaqad ma’ Manchester United.
B’hekk issa Juventus iridu jsibu kowċ ġdid malajr kemm jista’ jkun, bl-ewwel fuq il-lista hemm l-eks kowċ ta’ Milan Massimiliano Allegri.
Jidher s’issa li dan il-kowċ qiegħed preferut qabel Mancini, Mihajlovic u Spalletti.
Ta’ min jgħid ukoll li fl-Italja anki tim nazzjonali għadu bla kowċ.
Jista’ jagħti l-każ li Antonio Conte jkun hu li jimla dan il-post vakant, jekk ma jmurx fi Franza mal-klabb ta’ Paris Saint-Germain.