​Anthony Buttigieg elett bħala l-Kap il-ġdid tal-PD

Anthony Buttigieg ġie elett bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Demokratiku (PD).
Fi stqarrija, il-PD qal li issa għandu Kunsill Eżekuttiv ġdid li ġie kostitwit wara li l-Kummissjoni Elettorali tal-partit irċeviet għadd ta’ nominazzjoniet għal diversi karigi.
Il-partit qal li peress li n-numru  ta’ nominazzjonijiet ma qabiżx in-numru ta’ postijiet vojta, allura ma kienx hemm il-bżonn li tissejjaħ elezzjoni.
L-eks Kap tal-PD Marlene Farrugia pproponiet lil Buttigieg, li kien issekondat minn Godfrey Farrugia.
Il-partit saħaq li għadu jemmen fil-governanza tajba, fl-iżvilupp sostenibbli, u f’riforma kostituzzjonali.
Fl-istqarrija, il-PD qal li kemm Marlene Farrugia kif ukoll Godfrey Farrugia se jibqgħu jservu bħala membri attivi u se jaħdmu fil-qrib mal-Kap il-ġdid tal-partit.
Il-partit fakkar kif kien laħaq stadju sinifikanti fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet permezz tal-elezzjoni ta’ żewġ deputati tiegħu fil-Parlament.