Aġġornata: Il-GreenPak se tieħu lil GreenMT il-Qorti

Il-Kumpanija GreenPak mistennija tieħu azzjoni legali kontra l-kompetitur tagħha GreenMT wara aktar kmieni dalgħodu, il-GreenMT ħarġet stqarrija tgħid li GreenPak kisret il-liġijiet ta’ State Aid. Żiedet tgħid li l-istqarrija ta’ GreenMT kienet libelluża.

Dan l-argument bejn iż-żewġ kompetituri nqala’ wara li fl-aħħar jiem, GreenMT qalet li mhux se tiġbor aktar skart riċiklabbli minn xi lokalitajiet.

GreenPak giddbet iċ-ċifri ppubblikati minn GreenMT tal-ħlasijiet li tħallset mill-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan, Ħal Qormi u l-Mosta fejn qalet li ħadet kwarta ta’ miljun Ewro u mhux nofs miljun kif ġie kwotat minn GreenMT.

Aktar kmieni, GreenMT atribwixxiet id-diżgwid li għandha ma’ GreenPak minħabba anomaliji fil-liġi wara li ddaħħal fis-seħħ Avviż Legali ġdid fl-2017 dwar l-iskart riċiklabbli.

Anomaliji fil-liġi jwasslu għal diżgwid fuq l-iskart riċiklabbli

Fi stqarrija GreenMT qalet li wara xhur li ilhom infurmati b’potenzjalment każ ta’ State Aid, ilbieraħ stess rappreżentanti tal-kumpanija ltaqgħu mad-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiddiskutu l-azzjonijiet li qed jiġi esegwiti.

GreenMT qalet li din l-anomalija tressqet għall-ewwel darba quddiem il-Bord ta’ Monitoraġġ dwar State Aid f’ittra li ntbgħatet f’Diċembru 2016. L-istess ittra ntbagħtet ukoll lill-Ministru għall-Ambjent, Il-Ministru għall-Finanzi u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Din l-ittra ġiet segwita b’laqgħa li saret ħames xhur wara fil-Ministeru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali fejn il-kumpanija GreenMT ltaqgħet mal-Bord ta’ Monitoraġġ dwar State Aid.

GreenMT fi stqarrija ppubblikaw ċifri li kienu disponibbli fuq is-siti tal-Kunsilli Lokali fejn juru li skonthom, nofs miljun Ewro intefqu minn fondi publiċi biex jinġabar l-iskart riċiklabbli lill-kuntratturi mqabbda minn GreenPak.

Il-ġbir tal-iskart f’Malta suppost issir permezz ta’ skemi li huma mħallsa mill-produtturi li jfornu l-prodotti f’Malta abbażi tal-kontenituri riċiklabbli.

GreenMT se tiġbor l-iskart f’Għawdex darba fix-xahar

Minkejja li GreenMT kienet tiġbor l-iskart darba f’ġimgħa minn lokalitajiet Għawdxin, issa se tkun qed tiġbor l-iskart darba f’xahar. Dan ikkonfermah kelliem għal GreenMT ma’ Newsbook.com.mt fejn qal li ma kienx veru li l-kumpanija se twqaaf il-ġbir minn xi lokalitajiet.

Ilbieraħ, is-Sindku tal-Għarb David Apap Agius qal li bħala Kunsill m’għandhomx fondi biex iħallsu lill-kumpanija iżda qal ukoll li kemm-il darba kienu urew it-tħassib tagħhom mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali u mal-awtoritajiet konċernati fl-istess waqt li għadhom qedjistennew deiżjoni mid-Dipartiment Lokali.