Annullata sentenza ta’ priġunerija minħabba żball fl-akkuża

Żagħżugħ ta’ 22 sena, li kien ammetta li ttraffika d-droga u li kellu l-pilloli tal-ecstasy waqt party f’Kordin, inħeles mis-sentenza ta’ tlett snin priġunerija mill-Qorti tal-Appell wara li kien hemm żball fl-akkuża.
Huwa tressaq il-Qorti f’Settembru tal-2013 fejn ammetta l-akkużi mressqa kontrih u kien immultat ukoll €1,000.
Fl-appell, iż-żagħżugħ qal li kien akkużat li wettaq reat fil-lejl ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Awwissu meta l-party kien sar xahar wara.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ddeċidiet li tannulla s-sentenza ta’ priġunerija li kienet ingħatat liż-żagħżugħ.

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern qal li fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Qorti li wasslet biex żagħżugħ ta’ 22 sena nħeles mill-ħabs minħabba żball minn spettur tal-Pulizija fl-att ta’ akkuża dwar traffikar ta’ droga ecstasy, il-Ministru Carmelo Abela, se jitlob lill-Bord tal-Pulizija, immexxi mill-Imħallef Francesco Depasquale, biex jinvestiga dan il-każ.