Anniversarju: 15-il sena mill-mewt ta’ Vince Laus

Illum jaħbat il-15-il sena anniversarju mill-mewt tax-xandar Vince Laus.  Huwa kien miet nhar is-26 ta’ Awwissu 2004. Kellu 59 sena.

Għalkemm għaddew tant snin, Laus jibqa’ sinonimu mal-mużika country u kien jippreżenta bosta programmi b’rabta ma’ dan il-ġeneru, kemm fuq ir-radju, u anki fuq it-televiżjoni. Fost l-aħħar programmi li ppreżenta niftakru The Country Music Show fuq l-istazzjon Super One.

Vince Laus twieled nhar it-Tnejn 1 ta’ Jannar 1945 f’San Ġiljan, Missieru kien is-suġġeritur tas-Salesjani f’Tas-Sliema.

Fl-1963 Vince kien emigra lejn l-Ingilterra fejn tħarreġ u ħadem fis-sengħa tal-istampa. Fl-Ingilterra ltaqa’ ma’ Daphne u żżewġu nhar il-21 ta’ Settembru 1968.

Minn dan iż-żwieġ twieldu Sheri Lee u Duane. Dan tal-aħħar illum il-ġurnata huwa isem rinomat fil-grafika u fix-xandir, apparti l-fatt li huwa miżżewweġ lill-preżentatriċi Angie Laus.

Sakemm kien l-Ingilterra, huwa kien ukoll segretarju tal-fan club tal-grupp popolari The Beach Boys.

Fl-1975 Vince u Daphne ġew jgħixu Malta.

Bejn l-1984 u l-1999, Laus kien attiv ħafna fil-GWU bħala shop steward u membru tal-kumitat eżekuttiv tat-taqsima kimika, u wkoll membru tal-kunsill nazzjonali.

Vince Laus ma’ Ricky Vallance li kien għamel suċċess kbir bil-kanzunetta Tell Laura I Love Her. Jidher ukoll Mario, ħu Vince

Il-mużika country tant kienet għal qalbu li saħansitra waqqaf il-Country Music Appreciation ta’ Malta.

Kien fl-1979 li Vince Laus beda jxandar programmi tal-mużika country fuq l-istazzjon tar-radju Leħen il-Ħbiberija.

Huwa ngħaqad mal-istazzjon Super One f’Awwissu 1991.

Bla dubju li l-memorja tiegħu se tibqa’ ħajja għal ħafna snin oħra.