Ann Fenech tiċħad involvimenti f’kumpanija l-Panama

Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech ċaħdet li qatt kellha involviment f’kumpaniji l-Panama.
Dan hekk kif illum Ann Fenech xehdet waqt kawża ta’ libell li kienet fetħet kontra l-Prim Ministru u l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef f’Marzu ta’ din is-sena.
Ann Fenech caħdet kull allegazzjoni miġjuba mill-PL u stqarret li hi qatt ma fetħet kumpanija sigrieta l-Panama, għall-kuntarju ta’ dak li għamel il-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi.
Fil-Qorti hi spjegat li fl-2003, il-kumpanija Fenlex, li hi sussidarja tal-kumpanija Fenech and Fenech Advocates, irreġistrat żewġ kumpaniji l-Panama matul il-perkors ordinarju tan-negozju. Spjegat li legalment, hi qatt ma setgħet tiżvela l-ismijiet tal-fiduċjarji.
Xehdet ukoll li hi laħqet Direttur ta’ Fenlex fl-2005 u żiedet tgħid li meta wieħed jirreġistra kumpanija ma jfissirx li tkun tiegħu.
Ann Fenech qalet ukoll li wara l-insinwazzjonijiet tal-PL, madwar 30 billboard dehru fit-toroq ta’ Malta u Għawdex bis-slowgan The Lady of Panama.
Barra minn hekk, qalet li fl-2003 u l-2004, il-Panama ma kinitx għadha ġiet blacklisted.