“Anki Pariġi għandhom monument” – Oħt Daphne lil Jason Micallef

Corinne Vella, oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fakkret lil Jason Micallef li “for the record” anki l-Franċiżi għamlu monument lill-vittmi ta’ Charlie Hebdo fi Place de la Republique fiċ-ċentru ta’ Pariġi peress li Micallef dalgħodu qal li se jkun qed jopponi l-applikazzjoni għal monument lil Daphne "b'kull mezz possibbli".
Micallef dalgħodu oġġezzjona li l-monument tal-gwerra quddiem il-Qorti jibqa’ jintuża minn dawk li jridu jfakkru l-memorja ta’ oħtha Daphne.
F’kumment fuq Facebook, oħt Daphne kitbet li ċ-Ċermen tal-Valletta18 ma jafx xi tfisser demokrazija. Spjegat kif il-kultura Ewropea tħalli lin-nies ipoġġu d-demokrazzija fil-prattika u mhux “il-ħoss vojt ta' parati orkestrati fit-toroq tal-Korea ta' Fuq”.
Qalet li Micallef inħatar b’mod korrott u mhux meritokratiku u jaħseb li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa tal-Prim Ministru filwaqt li qalet li “issa qed jippriedka dwar fejn għandhom jitpoġġew il-fjuri fi spazji pubbliċi”.
Dalgħodu, Jason Micallef kiteb li se jkun qed jopponi xi applikazzjoni ta’ monument permanenti “b’kull mezz possibbli bħala Ċermen ta' Valletta 2018, kif ukoll fuq bażi personali”. Kompla jgħid li “bħala ġens sovran m'għandna naċċettaw qatt u lil ħadd minn fostna jiddisprezza monumenti storiċi bħal dak tal-Assedju l-Kbir, kapolavur tal-artist ta' fama internazzjonali Antonio Sciortino”.