Anki l-Ingliżi għandhom il-kompetizzjoni tal-logħob tan-nar

Fl-Ingilterra wkoll issir il-kompetizzjoni għal dawk li jaħdmu l-logħob tan-nar. Ilbieraħ il-Ħamis tħabbru r-rebbieħa minn fost ħames kmamar tan-nar fil-kompetizzjoni li saret fuq jumejn fi Plymouth, u li attendew għaliha eluf ta’ nies. Kull kamra tan-nar kellha tagħmel wirja ta’ 10 minuti.

Ir-rebbieħa kienu s-Selstar Fireworks minn Chichester minn West Sussex. Meta ngħataw il-premju qalu li kellhom ġurnata li ma kienu se jinsewha qatt. Din hi t-tieni darba li din il-kamra tan-nar rebħet dan il-premju.

It-tieni ġurnata tal-kompetizzjoni nfetħet mill-Illusion Fireworks waqt li 1st Galaxy Fireworks minn Sherwood għalqu l-ispettaklu.

Is-Selstar Fireworks Ltd twaqqfet fl-1995 u hemm 40 ruħ jaħdmu magħha li minbarra li jagħmlu n-nar imorru fil-lokalitajiet fl-Ingilterra fejn ikunu jridu l-logħob tan-nar.

Fost ix-xogħlijiet tagħhom insibuhom f’film li qed jinħadem bħalissa, fl-inawgurazzjoni tal-London Eye, fl-Anniversarju tal-Ġublew tad-Deheb f’Buckingham Palace u kienu dehru f’ritratti fil-magażin Hello fit-tieġ tal-mudella Jodie Kidd.