Filmat: Anke t-tfal jistgħu jiġu vvelenati – Espert tal-annimali

Read in English.

Christian Pace, il-Maniġer għall-Imġiba u l-Involviment tal-MSPCA, wera t-tħassib tiegħu ma’ Newsbook.com.mt dwar l-ivvelenar tal-aħjar kelb Doberman f’Malta.

Huwa insista li għandu jkun hemm iktar kontroll fuq il-bejgħ tal-velenu tal-ġrieden u tal-bebbux, u li n-nies fil-qasam tiegħu ilhom jisħqu fuq dan il-punt. Qal li l-mod irresponsabbli kif qiegħed jintuża dan il-velenu jista’ mhux biss iweġġa’ lill-annimali, imma anke jpoġġi f’periklu l-ħajja tat-tfal jekk dawn jiltaqgħu miegħu bla ma jafu f’xi post pubbliku.

Pace spjega x’inhi d-differenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ veleni. Dak tal-ġrieden iwassal għal mewta aktar kiefra għaliex iraqqaq id-demm, u l-annimal jibda jnixxi d-demm ftit ftit minn ġewwa. B’hekk jaħdem bil-mod ħafna, imma jista’ jiġi salvat jekk ikun għadu fi stadju bikri.

Il-velenu tal-bebbux jaħdem aktar malajr u hu iżjed perikoluż. Dan jikkawża t-temperatura tal-ġisem biex togħla, u din tagħmel ħsara kbira lill-moħħ, għalhekk l-annimal jista’ jisfa’ mejjet bi brain damage.

Għalhekk jidher illi l-velenu li qatel lil Omar Pasha, id-Doberman, kien velenu tal-ġrieden, għaliex dan il-kelb sofra għal għaxart ijiem sħaħ qabel miet.