​“Anke meta tintilef ħajja umana waħda tkun traġedja”

Il-Papa Franġisku jisħaq li anke meta tintilef ħajja umana waħda tkun traġedja.
Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati nhar il-Ħadd li ġej, bit-tema L-Isfida tal-Migranti u r-Refuġjati. It-Tweġiba tal-Vanġelu tal-Karità, il-Papa jsostni li “ħadd ma jista’ jippretendi li jibqa’ indifferenti quddiem il-forom ġodda ta’ skjavitù imposti minn organizzazzjonijiet kriminali li jixtru u jbigħu rġiel, nisa u tfal bħala ħaddiema.”
Saħaq li jekk nibqgħu indifferenti u siekta nkunu kompliċi ma’ dawk li jħallu nies imutu b’nifishom maqtugħ, bil-ġuħ, bil-vjolenza u bin-nawfraġji.
Il-Papa josserva li minuri għadhom jiġu mġiegħlin jiġġieldu f’milizzji bħala tfal suldati. Semma wkoll nies li huma vittmi tat-traffikar tal-organi u sfruttament sesswali.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Papa jisħaq li l-ewwel ħaġa li trid issir hi li “nieħdu ħsieb il-fażi ta’ emerġenza ta’ bħalissa, billi nipprovdu programmi li jindirizzaw dak li jikkaġuna l-migrazzjoni u l-effett tagħha fuq is-soċjetajiet.”
Il-Papa jsemmi l-istejjer traġiċi ta’ miljuni ta’ rġiel u nisa li ta’ kuljum jikkonfrontaw il-komunità internazzjonali kaġun ta’ kriżijiet umanitarji inaċċettabbli f’partijiet differenti tad-dinja.
Jistaqsi jekk hux kollha kemm aħna rridu ħajja aħjar, iktar diċenti u ta’ prosperità x’naqsmu mal-maħbubin tagħna. Il-messaġġ tal-Kap tal-Knisja Kattolika jittratta wkoll is-sitwazzjonijiet ġodda li jnisslu l-immigranti fis-soċjetajiet.
Jiddikjara li l-Knisja tinsab “spalla ma’ spalla ma’ dawk kollha li jaħdmu biex jiddefendu d-dritt li kull persuna li tgħix b’dinjità.”