“Anke l-ilma li nixorbu għandu l-plastik fih” – WHO

Read in English.

Dr Maria Neira, Direttriċi tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), saħqet li hemm microplastic saħansitra fl-ilma li nixorbu. Dawn huma biċċiet ta’ plastik b’tul ta’ 5mm jew iqsar.

Żiedet tgħid li skont l-informazzjoni limitata li għandhom, il-livelli ta’ plastik li hemm bħalissa fl-ilma għadu mhux ta’ problema għas-saħħa. Però, sostniet li hemm bżonn li jkun hemm iżjed riċerka u li l-livelli m’għandhomx jibqgħu iżidu.

Skont l-analiżi, biċċiet ta’ plastik ikbar minn 150 mikromillimetru x’aktarx ma jiġux assorbiti fil-ġisem. Minkejja dan, il-ġisem jaf jassorbi  biċċiet ta’ plastik iżgħar, għalkemm l-informazzjoni hija limitata dwar dan il-fenomenu.

Il-WHO qalet li l-aħjar soluzzjoni hija li l-fortnituri tal-ilma jagħtu priorità li l-ilma jiġi mnaddaf minn mikrobi li huma magħrufa li jikkawżaw ħsara lill-bniedem. B’dan il-proċess, l-ilma jitnaddaf ukoll mill-microplastic.