Anke l-Catholic Relief Services qed tgħin lil min qed jaħrab il-vjolenza fin-Niġerja

Familji mkeċċija minn djarhom mill-Bako Haram isibu għajnuna minn aġenzija Kattolika

Hekk kif is-sitwazzjoni tas-sigurtà fin-Niġerja qed tkompli taggrava, il-pajjiż qed iħabbat wiċċu man-numru kbir ta’ persuni li spiċċaw mingħajr dar.

Il-grupp militant Islamiku Boko Haram – li tradotta liberament tfisser “Edukazzjoni Projbita” – għadu attiv ħafna fit-tramuntana tal-pajjiż filwaqt li fazzjoni estremista oħra li qed twiegħed alleanza lill-ISIS reġgħet tfaċċat u qed taħtaf bażijiet militari. Dan qed iqajjem il-mistoqsija jekk l-Istat hux jgħin lis-suldati tiegħu fir-reġjun biex jegħlbu lil dawn il-gruppi estremisti.

Barra minn dan il-ġlied qawwi bejn bdiewa nsara u raħħala Musulmani, dwar l-art li qed issir aktar skarsa qed joħolqu problem kbar fiċ-ċentru tal-pajjiż.

Din il-vjolenza kollha flimkien ma’ għargħar qawwi u diżastri naturali oħra wasslu biex aktar minn żewġ miljun persuna telqu minn djarhom fil-kampanja. Bil-liġi internazzjonali li dawn in-nies baqgħu fil-pajjiż mhux meqjusa bħala refuġjati, li huma dawk li jitilqu lejn pajjiż ieħor.

Żewġ miljuni u nofs bla dar

Fil-fatt bħalissa hemm madwar żewġ miljun u nofs persuni li huma sfrattati minn djarhom. Barra minn dawn, aktar minn seba’ miljun persuni fin-Niġerja jinħtieġu għajnuna umanitarja urġenti.

Jerry Farell, rappreżentant tal-aġenzija umanitarja tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani, “Catholic Relief Service”, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” li “l-kundizzjonijiet severi qed jagħmlu ferm diffiċli l-ħajja ta’ dawk li kellhom jitilqu minn djarhom

“Il-mard qed jinfirex għax in-nies ma għandhom aċċess għal ilma tax-xorb nadif, ma hemmx latrine iġjeniċi u nuqqas kbir ta’ ikel nutrittiv partikolarment għat-trabi u t-tfal. It-temperaturi sħan ħafna u n-nixfa qed iżidu l-isfida għal dawn in-nies li qed jgħixu f’kampjiet.

Farrell qal li l-Catholic Relief Service qed tipprova tgħin billi tipprovdi aċċess għal ilma tax-xorb tajjeb u latrine iġejniċi u tinsisti fuq l-importanza tal-iġjene personali. Kumitati tal-orġaniżazzjoni jieħdu ħsieb jiġbru l-iskart u minnu jagħmlu compost li jkun jista’ jintuża mill-bdiewa. B’hekk tnaqqas it-tixrid tal-kolera.

Xelters ta’ emerġenza

Din l-aġenzija Kattolika qed tipprovdi wkoll xelters ta’ emrġenza disinjati apposta għall-kundizzjonijiet ħorox tat-temp fir-reġjun ta’ Sahel u qed tidħol fi ftehim ma’ sidien tal-art biex joffru kenn lil persuni bla saqaf fuq rashom biex dawn in-nies ikunu jistgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid u jaqilgħu l-għixien tagħhom.

Dan barra li l-Catholic Relief Service qed tippilota “programm innovattiv li jgħallem lill-ommijiet kif jipproduċu huma stess dik li tissejjaħ Plumpy’Nut li hi tip ta’ ikel nutrittiv għal dawk li m’għandhom biżżejjed ikel biex jitimgħu lil uliedhom li huma nieqsa ħafna. Dan il-programm diġa’ ħalla riżultati impressjonanti u qed jinfirex mat-tramuntana tan-Niġerja kollha.

Il-President iwiegħed sigurtà

CRS qed tuża wkoll kupuni biex bihom in-nies jixtru ikel u affarijiet td-dar u b’hekk filwaqt li lil dawn in-nies b’għażla aħjar ta’ ikel u ħtiġijiet qed issaħħaħ ukoll is-swieq lokali. “Dan wassal biex eluf minn dawn il-persuni sfortunati qed jerġgħu jibdew jibnu ħajjithom bl-għajuna ta’ din l-organiżazzjoni” qal Farrell.

Il-President tal-pajjiż, Muhammadu Buhari, li għadu kif beda t-tieni terminu tiegħu bħala mexxejj tan-Niġerja wiegħed li jdaħħal aktar sigurtà f’dan il-pajjiż fejn jgħixu aktar minn 190 miljun persuna u li hu maqsum kważi min-nofs bejn Insara u Musulmani.

Sfortunament, il-kriżi fin-Niġerja qed tolqot ukoll pajjiżi oħra fil-qrib fosthom iċ-Chad, Cameroon u n-Niġer. Bejniethom dawn il-pajjiżi, sa Frar li għadda kienu qed jilqgħu fihom kważi erba’ miljun u nofs bejn nies li tilfu djarhom, u refuġjati li 80% minnhom waslu hemm min-Niġerja.