​ “Anke jekk l-aħbarijiet ‘suwed’ jagħmlu iktar ħoss, kunu pożittivi”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li anke jekk l-aħbarijiet ‘suwed’ jagħmlu aktar ħoss u jisirqu l-attenzjoni, il-ktieb tal-ħajja fih ħafna paġni sbieħ, li ta’ spiss jibqgħu mistura.
Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, il-patrun tal-ġurnalisti, l-Isqof Grech appella lill-ġurnalisti biex jagħtu iktar kas esperjenzi pożittivi li jseħħu fil-ħajja ta’ kuljum.
Spjega li dan jgħin mhux biss biex titkattar viżjoni pożittiva tal-ħajja, imma jistimulaw lill-oħrajn sabiex jagħmlu l-qalb biex jagħmel is-sewwa.
L-Isqof sostna li dan kollu jiddependi mill-għażliet li jagħmlu l-aġenziji tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti nfushom.
Qal li waħda mill-ġojjelli hija l-familja tradizzjonali Maltija msejsa fuq l-imħabba konjugali bejn raġel u mara.
Spjega kif fi ħdan il-familji jiġru mirakli tal-imħabba b’miżżewġin kuntenti minkejja d-diffikultajiet, ġenituri issagrifikati għal uliedhom, kif ukoll dedikazzjoni assoluta lejn il-marid, persuni b’diżabilità u anzjani.
Mons. Mario Grech saħaq li “approwċ pożittiv mill-midja dwar il-familja jagħmel il-qalb lill-adoloxxenti u liż-żgħażagħ li quddiemhom għandhom l-għażla li jiffurmaw il-familja tagħhom.”
Temm jgħid li jekk id-diversi mudelli ta’ familja għandhom dritt li jeżistu, l-ebda mudell m’għandu jiġi eskluż, lanqas il-familja tradizzjonali.
Ritratt: Joe Grech