“Anke f’festin ta’ magħmudija qed jieħdu l-kokaina”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti stqarr li l-problema tad-droga tant kibret f’Malta li saħansitra anke f’festin ta’ magħmudija qed tiġi kkonsmata d-droga kokaina.

Dan qalu propju fl-okkażjoni tal-iffirmar ta’ memorandum of understanding (MoU) bejn l-Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA). Fi stqarrija ġie spjegat li b’dan l-iffirmar l-MEA se tkompli tgħin lis-Sedqa tippromwovi s-servizzi li toffri bl-għan li jinħoloq aktar għarfien dwar l-Aġenzija.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joe Farrugia, sostna li x-xogħol tal-FSWS jagħti d-dinjità lin-nies li jkunu għaddew minn żmien ħażin permezz ta’ xi vizzju. Dan minħabba li tagħti l-għajnuna lil dawn in-nies biex isibu ruħhom lura fit-triq it-tajba. Qal ukoll li l-użu ta’ drogi b’mod rikreazzjonali qed jaffettwaw il-postijiet tax-xogħol u għalhekk min iħaddem irid ikun imħarreġ biex jatratta l-problemi mal-impjegati.

Intant, id-Direttur tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, semma li s-servizzi li qed jingħataw minn FSWS u Sedqa, għalkemm qed ikunu ta’ għajnuna għal bosta, mhux qed jintlaħqu minn kulħadd u appella biex is-servizzi tal-aġenzija jkunu reklamati f’kull attività biex jgħin aktar lil min iħaddem.