Animal Guardians b’petizzjoni biex l-annimali jitħarsu b’liġijiet aħjar

Animal Guardians Malta llejla se tkun qed tippreżenta petizzjoni lill-Membri Parlamentari Maltin, u titlob tibdil f’liġijiet dwar il-ħarsien tal-annimali.
Fost il-punti mressqa fil-petizzjoni, Animal Guardians Malta qed titlob li l-velenu tal-bebbux jiġi pprojbit milli jiddaħħal f’Malta, l-istess għal kull velenu ieħor li għandu bażi kimika metaldehyde.
L-organizzazzjoni qed tappella wkoll biex il-ħames libertajiet tal-annimali, li r-Renju Unit daħħal fil-liġijiet tiegħu fl-1965, jiġu introdotti f’Malta wkoll; u li tibda tintuża xjenza investigattiva u forensika f’kull każ ta’ moħqrija tal-annimali għaliex, sostniet, hemm wisq kawżi li qed jintremgħu mill-Qorti minħabba nuqqas ta’ provi xjentifiċi.