Anġlu Fenech tal-Caritas jagħlaq 80 sena

Anġlu Fenech, li għal dawn l-aħħar 24 sena kien ta’ sostenn għas-servizzi ta’ Caritas Malta, nhar għada se jagħlaq 80 sena.

Is-Sur Anthony Gatt, direttur ta’ Caritas Malta, f’isem il-familja kollha ta’ Caritas awgura lil Anġlu Fenech f’għeluq it-tmenin sena tiegħu u ħa l-okkażjoni biex jirringrazzjah tal-ħidma tiegħu fil-Caritas għal dawn is-snin kollha favur il-bniedem fil-bżonn u s-sapport għas-servizzi kollha tal-Caritas.

Gatt qal li Fenech huwa bniedem mhux ta’ ħafna paroli imma ta’ ħafna fatti, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-familja ta’ Anġlu li dejjem kienet warajh fil-ħidma u b’hekk għandha ħafna mertu wkoll.

Fenech twieled fl-1940 il-Mosta u fl-1956 daħal il-Malta Drydocks bħala apprentista u fl-1963 beda l-karriera tiegħu fil-GWU meta ġie appuntat delegat u shop steward għat-taqsima tal-grad coppersmiths/pipeworkers.

Fl-1968 ġie elett membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-GWU metal workers section u serva bħala membru fuq l-eżekuttiv nazzjonali bejn l-1970 u l-1985.

F’Ottubru tal-1985 Anġlu Fenech ġie elett President tal-GWU u laħaq l-iktar kariga għolja eżekuttiva bħala Segretarju Ġenerali f’Awwissu tal-1986.

Fl-1997 ġie onorat bl-ogħla ġieħ tal-Istat għall-qadi tad-dmir tar-Repubblika ta’ Malta mill-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Dr Ugo Mifsud Bonnici, u fl-2019 rebaħ il-premju Life Time Achievement Anzjanità Attiva.

Fl-1 ta’ Ġunju tal-1996 irriżenja mit-tmexxija tal-Union u ngħaqad ma’ Caritas Malta fejn għadu sal-lum segretarju amministrattiv u ta’ sostenn fil-qasam tal-fundraising. Anġlu Fenech huwa wkoll wieħed mid-diretturi tal-Bord tal-Fondazzjoni għar-Riabilitazzjoni mill-Abbuż tad-Droga.