​Anġlu Farrugia jqis lil Konrad Mizzi ħati prima facie ta’ ksur ta’ privileġġ

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qies lil Konrad Mizzi, bi kliemu fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn fil-konfront tad-deputat George Pullicino, ħati prima facie ta’ ksur ta’ privileġġ. Għalhekk se jgħaddi l-każ lill-Kumitat tal-Privileġġi biex jeżamina l-każ u jasal għal proċeduri dixxiplinari.
L-Ispeaker eżamina dak li qal Konrad Mizzi fl-ispjegazzjoni tiegħu lbieraħ u d-dokumenti li hu poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qal li mhux sodisfatt li bl-argumenti tiegħu, Mizzi issostanzja d-dikjarazzjoni tiegħu. Għalhekk is-sedje ddeċidiet li tmur għat-tielet parti tar-ruling.
Fis-seduta tat-Tnejn, meta żvela ittra f’isem bank Spanjol, mhux iffirmata, fil-file tal-konsorzju li ħa t-tender għall-provvista ta’ pannelli fotovoltajċi fuq il-bjut ta’ bini pubbliku, Konrad Mizzi qal il-kliem: “Taf kemm jgħidu fuqek kull negozjant li jeżisti f’Malta”.
Anġlu Farrugia qal li bi kliem Konrad Mizzi ma joħroġ ebda ħjiel ta’ prova li kellmuh negozjanti fil-konfront ta’ George Pullicino u dak li qed jattribwixxi direttament lejn id-deputat Nazzjonalista, imma li kellmuh għax ma ngħatawx it-tender.
B’reazzjoni, id-deputati min-naħa tal-Gvern, il-Ministru George Vella u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Carmelo Abela talbu ruling mingħand l-Ispeaker għal kliem George Pullicino fl-istess seduta, li lil Konrad Mizzi wieġbu “Jien nadif iktar minnkom ilkoll f’daqqa”.
George Pullicino wieġeb li, b’rispett lejn il-Kamra, jiddefendi l-kredibilità u r-reputazzjoni tiegħu mingħajr ebda kumparazzjoni ma’ ħadd. Għalhekk irtira l-kliem “iktar minnkom ilkoll f’daqqa”.