Angelo Gafà uffiċjalment maħtur Kummissarju tal-Pulizija

Angelo Gafà nħatar uffiċjalment bħala Kummissarju tal-Pulizija wara l-iskrutinju u l-approvazzjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Il-ħatra ġiet wara sejħa pubblika u proċess ta’ għażla mmexxi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dan huwa l-ewwel Kuummissarju tal-Pulizija li nħatar b’din is-sistema ġdida.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-bidla kienet waħda pożittiva li kienet rikonoxxuta f’rapport pożittiv tal-Kummissjoni Venezja dwar il-governanza fil-pajjiż. Qal li l-bidla hi waħda minn sensiela ta’ riformi li se jkunu qed iseħħu fil-Korp tal-Pulizija.

Xi spikka minn dak li qal Gafà waqt il-Kumitat Parlamentari?

  • Insista li l-Pulizija m’għandhiex tistenna lil politiċi biex jgħidulha biex tinvestiga
  • Stqarr li hu qatt ma ttollera ndħil politiku f’xogħlu u wiegħed li se jmexxi b’eżempju
  • Dwar reati finanzjarji qal li l-FIAU tiġbor l-informazzjoni filwaqt li l-Pulizija tkun teħtieġ l-evidenza, u li għalhekk ma kienx hemm żviluppi fuq xi rapporti tal-FIAU. Enfasizza li jrid isaħħaħ it-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
  • Il-Pulizija għandhom ikunu aktar trasparenti dwar investigazzjonijiet ta’ “persuni ta’ ċertu statura”, u għandhom itejbu l-komunikazzjoni mal-pubbliku u l-midja.
  • Prijorità oħra hi t-tisħiħ tas-Cyber Crime Unit, għax l-istrutturi eżistenti mhumiex attrezzati biex jindirizzaw reati online.
  • Bżonn ta’ bidla fil-kultura fil-Korp tal-Pulizija. Ċertu strutturi jridu jinbidlu u l-Korp irid isir iktar meritokratiku. Bħala CEO tal-Korp, hu kien informa lill-kummissarju tal-pulizija dwar il-bżonn li jiġu indirizzati ċertu abbużi, bħar-racket tal-overtime tal-pulizija tat-traffiku.
  • Saħaq dwar l-importanza tal-edukazzjoni, hekk kif ġieli ma jkunx jista’ jifhem rapporti li jkunu kitbu uffiċjali tal-pulizija.