Angelo Gafà approvat Kummissarju tal-Pulizija

Angelo Gafa
Miguela Xuereb

Angelo Gafà se jkun il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid ta’ Malta. Dan wara li Membri Parlamentari fi ħdan il-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi approvawh unanimament.

L-erba’ MPs preżenti – iċ-chairman Anthony Agius Decelis, Evarist Bartolo, Glenn Bedingfield u Joe Mizzi – appoġġjaw lil Gafà wara l-grilling li dam madwar 100 minuta. Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni bbojkottjaw dan il-grilling għax fi kliem il-Partit Nazzjonalista l-proċess hu farsa “għax l-għażla saret diġà mill-Gvern”.

Gafà kien l-ewwel kummissarju tal-Pulizija li ntgħażel mill-Gvern permezz ta’ proċess ġdid li ġie approvat aktar kmieni din is-sena.

“Proċess farsa” – Beppe Fenech Adami

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista waqt li kien għaddej il-grilling, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li l-proċess hu intiż biss biex jilleġittima proċess li sejjaħ ivvizjat u li tfassal mill-Prim Ministru Robert Abela. Saħaq li Abela tilef opportunità li jkun hemm qbil mal-Oppożizzjoni fuq min għandu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju. Enfasizza li Robert Abela jrid jimponi Kummissarju tal-Pulizija li għażel hu bi żmien ta’ probation ta’ sena, “biex kif u meta jrid ikun jista’ jtajjarlu rasu”. Dr Fenech Adami rrimarka li Robert Abela falla li jibgħat il-messaġġ li jrid jaqleb il-paġna fil-Korp tal-Pulizija li għaddej minn kriżi ta’ kriminalità “organizzata saħansitra fi ħdanu”. Stqarr li taħt Robert Abela l-Korp tal-Pulizija naqas milli jarresta, jinvestiga u jressaq il-Qorti lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat, li fi kliemu lkoll huma involuti f’korruzzjoni “li swiet lill-poplu l-miljuni ta’ ewro”.

Minn naħa tiegħu, il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni għażlet li tabdika mir-responsabiltajiet tagħha. Iddeskriva dan l-aġir bħala kundannabbli.

Xi spikka minn dak li qal Gafà waqt il-Kumitat Parlamentari?

  • Insista li l-Pulizija m’għandhiex tistenna lil politiċi biex jgħidulha biex tinvestiga
  • Stqarr li hu qatt ma ttollera ndħil politiku f’xogħlu u wiegħed li se jmexxi b’eżempju
  • Dwar reati finanzjarji qal li l-FIAU tiġbor l-informazzjoni filwaqt li l-Pulizija tkun teħtieġ l-evidenza, u li għalhekk ma kienx hemm żviluppi fuq xi rapporti tal-FIAU. Enfasizza li jrid isaħħaħ it-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi.
  • Il-Pulizija għandhom ikunu aktar trasparenti dwar investigazzjonijiet ta’ “persuni ta’ ċertu statura”, u għandhom itejbu l-komunikazzjoni mal-pubbliku u l-midja.
  • Prijorità oħra hi t-tisħiħ tas-Cyber Crime Unit, għax l-istrutturi eżistenti mhumiex attrezzati biex jindirizzaw reati online.
  • Bżonn ta’ bidla fil-kultura fil-Korp tal-Pulizija. Ċertu strutturi jridu jinbidlu u l-Korp irid isir iktar meritokratiku. Bħala CEO tal-Korp, hu kien informa lill-kummissarju tal-pulizija dwar il-bżonn li jiġu indirizzati ċertu abbużi, bħar-racket tal-overtime tal-pulizija tat-traffiku.
  • Saħaq dwar l-importanza tal-edukazzjoni, hekk kif ġieli ma jkunx jista’ jifhem rapporti li jkunu kitbu uffiċjali tal-pulizija.