Angelina Jolie u Brad Pitt jistgħu jserrħu rashom li mhux se jiffilmjaw fid-drenaġġ

Angelina Jolie u Brad Pitt issa jistgħu jserrħu rashom li meta se jkunu Għawdex għall-ġbid tal-film fi Mġarr ix-Xini, mhux se jkunu qed jiffilmjaw fid-drenaġġ.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dalgħodu kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-problema tad-drenaġġ li kien hemm qrib l-Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ f’Ras il-Ħobż, ġiet irranġata aktar kmieni din il-ġimgħa.  Uffiċjal tal-Korporazzjoni spjega li l-problema kienet ikkawżata minn blockage fil-pajp tal-impjant li jagħti għall-baħar. Żied jgħid li dalgħodu qed isir tindif fl-inħawi, permezz ta’ bawżers tal-ilma, kif ukoll qed jitneħħa l-ħaxix ħażin.
Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt irċieva ritratti minn xi għaddasa li marru jgħoddsu fl-inħawi, li qalu li minn dak li raw, kien qed inixxi d-drenaġġ minn pajp li jagħti għall-baħar.  Żiedu jgħidu li minħabba l-ilma kontaminat fuq l-art, kien hemm ħafna nemus. Dan minbarra l-kwalità ħażina tal-baħar.
Din il-ġimgħa, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Mark Busuttil, li jmexxi ċentru tal-għadis fix-Xlendi. Busuttil qal li l-problema kienet ilha għaddejja xahar u li nhar it-Tlieta li għadda l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellha tagħmel test taħt il-baħar biex tiġi identifikata l-problema.