Angela Merkel tibda d-diskussjonijiet biex tifforma koalizzjoni

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel bdiet id-diskussjonijiet biex tifforma koalizzjoni wara r-riżultat diżappuntanti għall-partit tagħha fl-elezzjoni li għaddiet.
Għalissa, il-Partit Demokristjan ta’ Angela Merkel qiegħed jiddiskuti mas-CSU (Christian Social Union) li fl-aħħar leġiżlatura wkoll kien f’koalizzjoni ma’ Merkel.
Iżda, dan il-partit qed jitlob li fil-Ġermanja jkun hemm kwota fuq in-numru ta’ refuġjati li jżomm għax qed jisħaq li kienet il-politika ta’ Merkel favur fruntiera miftuħa li wasslet biex l-AfD jidħol fil-Parlament.
L-Afd, li aktar ma jgħaddi ż-żmien, it-ton tal-politika tiegħu qed isir jixbah lil dak tal-partiti tal-lemin estrem, daħal għall-ewwel darba fil-Parlament Ġermaniż bi 12.6% tal-voti.
Il-Mexxej tas-CSU, Horst Seehofer, qal li l-kwota ma għandhiex taqbeż il-200,000 refuġjat fis-sena. Mill-2015, Angela Merkel fetħet il-bieb għal aktar minn 1.3 miljun refuġjat u immigrant mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani.
Għalkemm Merkel hija kontra l-kwoti, qalet li ma tixtieqx tirrepeti l-iżball li għamlet fl-eqqel tal-kriżi tal-immigrazzjoni.
Iż-żewġ partiti flimkien qed jittamaw li joħolqu programm politiku komuni qabel ma jiftħu d-diskussjoni ma’ partiti oħra.